Add Sign
Language
Justice
Fl-2006, l-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda (ĠM) addottat konvenzjoni li identifikat l-obbligi tal-istati msieħba li jippromovu u jipproteġu d-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità. Tagħmilha possibbli wkoll li titressaq petizzjoni lill-ĠM fuq ksur tad-drittijiet tagħhom.
Malta aċċettat li tintrabat bil-Konvenzjoni fl-2012, u għaldaqstant l-Att Dwar Opportunitajiet Indaqs għall-Persuni b’Diżabilità ġie emendat biex jirrifletti d-drittijiet imsemmija fil-Konvenzjoni. Madankollu, Malta ddikjarat li ma tirrikonoxxi ebda drittijiet dwar l-abort u li fil-votazzjoni waqt l-elezzjonijiet kienet se tkompli tadotta l-leġislazzjoni kurrenti.
Malta kienet obbligata tappunta punt fokali għall-materji li jirrigwardaw l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni u mekkaniżmu indipendenti li jippromovi, jipproteġi u jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni. Il-punt fokali għall-Konvenzjoni huwa s-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva. (Il-punti fokali kollha tal-membri li rratifikaw il-Konvenzjoni huma obbligati jibagħtu lill-Kumitat tal-ĠM rapport komprensiv dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu u l-progress miksub fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni mill-inqas kull erba’ xhur jew kull meta jintalbu mill-Kumitat.)
Fil-Konvenzjoni, is-saħħa mentali hija wkoll inkluża fid-definizzjoni ta’ diżabilità. Għalhekk, persuni b’diffikultajiet ta’ saħħa mentali jistgħu wkoll ifittxu għajnuna dwar dan mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.
Tista’ ssib it-test sħiħ tal-Konvenzjoni u aktar informazzjoni fuq: https://www.un.org/development/desa/disabilities/convention-on-the-rights-of-persons-with-disabilities.html.
It-test sħiħ tal-Konvenzjoni bil-Malti jinstab fuq: http://www.un.org/disabilities/documents/natl/malta.pdf
Verżjoni faċli biex tinqara bl-Ingliż tal-Konvenzjoni tinstab hawn: http://crpd.org.mt/wp-content/uploads/2018/07/crpd-unconvention-LEAFLET-easy-to-read.pdf
Għal aktar informazzjoni tista’ tagħmel kuntatt ma’:
Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità
G5 Office, Triq Psaila, Birkirkara
Tel: 22267600, SMS biss: 79788555
Uffiċċju għal Għawdex:
Skola Primarja ta’ Ta’ Sannat, Triq Ta’ Sannat, Ta’ Sannat
Tel: 21556002
Email: helpdesk@crpd.org.mt
Website: http://crpd.org.mt/contact-page
L-Att tal-2010 dwar Opportunitajiet Indaqs għall-Persuni b’Diżabilità huwa liġi li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni kontra persuni minħabba d-diżabilità tagħhom u jagħti rimedji fejn jinstab li tkun seħħet xi diskriminazzjoni. Dan l-Att jiddefinixxi diżabilità bħala “nuqqas fiżiku, mentali, intellettwali jew sensorju għal żmien twil li, flimkien ma’ ostakli diversi, jista’ jillimita lil persuna milli tipparteċipa b’mod sħiħ u effettiv fis-soċjetà b’mod ugwali daqs l-oħrajn”.
L-Att stabbilixxa wkoll il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) biex tara li din il-liġi tkun imħarsa. Għaldaqstant, jekk persuna b’diżabilità, jew membru ta’ familja ta’ persuna b’diżabilità, tħoss li tkun saret diskriminazzjoni kontriha minħabba d-diżabilità tagħha, tista’ tressaq ilment quddiem il-Kummissjoni.
L-oqsma koperti minn din il-liġi huma:
Aċċess fiżiku għal binjiet, speċjalment dawk miftuħa għall-pubbliku, u għal spazji miftuħa;
Aċċess għal informazzjoni, bħal lingwa tas-sinjali, sottotitoli, Braille, tipa kbira, u format faċli biex jinqara;
Edukazzjoni: tinkludi aċċessibilità fiżika fl-iskejjel, disponibilità ta’ LSEs u arranġamenti differenti għall-eżamijiet;
Impjiegi: tinkludi addattamenti raġonevoli tal-postijiet tax-xogħol jew tal-kundizzjonijiet tax-xogħol;
Djar: tinkludi lifts, aċċess għal partijiet komuni;
Oġġetti u servizzi: tinkludi trasport u għoti ta’ diversi servizzi;
Assigurazzjoni, bħal primjum inġustifikatament ogħla;
Saħħa;
Drittijiet oħra, bħall-protezzjoni mill-fastidju u l-vittimizzazzjoni.
Verżjoni faċli biex tinqara tinstab hawn: http://crpd.org.mt/wp-content/uploads/2017/04/ligioppindaqs_er.pdf
Aktar informazzjoni dwar din il-liġi tista’ tinkiseb minn:
Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità
G5 Office, Triq Psaila, Birkirkara
Tel: 22267600, SMS biss: 79788555
Uffiċċju għal Għawdex:
Skola Primarja ta’ Ta’ Sannat, Triq Ta’ Sannat, Ta’ Sannat
Tel: 21556002
Email: helpdesk@crpd.org.mt
Website: http://crpd.org.mt/contact-page
Skont l-Att dwar is-Saħħa Mentali, diżordni mentali tfisser disturb sinifikanti fil-ћsieb, burdati, rieda, perċezzjoni, fehma, orjentament jew memorja. L-Att jagħti lista tad-drittijiet tiegħek fl-oqsma kollha tas-soċjetà bħala persuna b’diżordni mentali, inkluż id-dritt li tirċievi trattament bl-inqas mod restrittiv possibbli fil-komunità, id-dritt li tieħu parti attiva fit-trattament tiegħek, u d-dritt li jkollok is-sapport ta’ carer tal-għażla tiegħek, fejn ikun possibbli.
Il-carer responsabbli għandu jkun persuna residenti Malta, ikollu relazzjoni personali fil-qrib mal-pazjent, u juri interess ġenwin fil-benesseri tiegħu. Il-carer responsabbli għandu jkun persuna appuntata bil-miktub mill-pazjent biex jaġixxi f’ismu jew f’isimha. Il-carer responsabbli jkollu dritt li jkun jaf id-drittijiet tal-pazjent, u s-servizzi u s-sapport disponibbli skont il-bżonnijiet tal-pazjent. Il-carer għandu dritt għal aċċess għal dawn is-servizzi u s-sapport, li jipparteċipa fit-tfassil tal-pjan għall-kura, u li jirċievi l-informazzjoni u l-gwida neċessarja dwar kif jista’ jissapportja lill-pazjent.
Il-liġi tistabbilixxi wkoll Il-Kummissarju għall-Promozzjoni tad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżordni Mentali, li hu responsabbli primarjament mill-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tiegħek bħala persuna b’diżordni mentali.
Il-liġi tistabbilixxi wkoll iċ-ċirkustanzi meta persuna b’diżordni mentali tista’ tiddaħħal involontarjament ġewwa faċilità għas-saħħa mentali u s-salvagwardji li għandhom jiġu osservati biex ikun żgurat li d-drittijiet tal-persuna jkunu rrispettati. Dawn il-faċilitajiet iridu jkunu liċenzjati skont il-liġi. Il-pazjenti kollha, inklużi dawk li jidħlu fil-faċilità volontarjament, ikollhom pjan ta’ kura multidixxiplinari mfassal f’konsultazzjoni mal-pazjent u/jew mal-carer responsabbli, u jiġi finalizzat fi żmien 168 siegħa mid-dħul fil-faċilità. Hemm ukoll dispożizzjonijiet apposta f’każ li wieħed ikollu inqas minn 18-il sena.
Il-liġi tirregola wkoll it-trattamenti speċjali, il-provi kliniċi u r-riċerka, u li dawn ma jistgħux isiru mingħajr il-kunsens bil-miktub tiegħek. Hemm ukoll dispożizzjonijiet li jirregolaw persuni b’diżordni mentali li jkunu kommettew xi reat. L-iskedi fihom numru ta’ applikazzjonijiet u notifikazzjonijiet li għandhom jintużaw fl-implimentazzjoni tal-liġi.
Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn:
Kummissarju gћall-Promozzjoni tad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżordni Mentali
Pjazza San Luqa, Tal-Pietà, PTA1010
Tel: 25924304
Email: mentalhealthcommissioner.meh-health@gov.mt
Website: https://mentalhealthcommissioner.gov.mt
Hu d-dritt ta’ kulħadd li jkollu rappreżentanza legali f’każijiet kriminali kif ukoll ċivili. Wieħed jista’ jappunta rappreżentant/i legali tal-għażla tiegħu. Jekk dak li jkun ma jkollux biżżejjed mezzi biex iħallas avukat tal-għażla tiegħu, ikun jista’ japplika għal avukat ipprovdut mill-Aġenzija Għajnuna Legali (Legal Aid). F’każijiet ċivili, wieħed ikun suġġett għal test tal-mezzi. Biex tikkwalifika għal għajnuna legali, id-dħul tal-persuna ma jridx jeċċedi s-€6,988.12.
Għal aktar informazzjoni, agħmel kuntatt ma’:
Għajnuna Legali Malta
Château de la Ville, 21, Triq l-Arċisqof, il-Belt Valletta
Tel: 2567 4330
Email: info.legalaidmalta@gov.mt
Website: https://justice.gov.mt/en/LegalAidMalta/Pages/home.aspx
L-uffiċjal tal-Pulizija li jkun qed jinvestigak ikun irid jiddeċiedi jekk intix kapaċi tifhem il-mistoqsijiet li jkunu se jsirulek. Jekk dan l-uffiċjal jiddeċiedi li inti għandek diżabilità intellettwali, allura se jgħid lil xi membru tal-familja tiegħek jew lill-persuna li tieħu ħsiebek biex takkumpanjak waqt l-interrogatorju u biex tiffirma d-dokument li jirrapporta l-interrogazzjoni.
Jekk għandek problema ta’ saħħa mentali, waqt l-interrogazzjoni għandu jkun hemm preżenti ġenitur, tutur, ħaddiem soċjali jew xi persuna simili.
Ikun xi jkun il-każ, int għandek id-dritt ukoll li tkun assistit minn avukat. B’mod ġenerali hu rrakkomandat li persuna b’diżabilità jew bi problema ta’ saħħa mentali tinforma lill-uffiċjal tal-Pulizija dwar id-diżabilità u/jew il-problema ta’ saħħa mentali.
Ġaladarba l-Lingwa tas-Sinjali Maltija issa hija lingwa uffiċjali ta’ Malta, jekk inti persuna li tuża din il-lingwa, tista’ titlob lill-Qorti biex il-proċeduri kollha jsiru billi tintuża din il-lingwa bis-sapport ta’ interpreti. Jekk inti nieqes mis-smigħ u ma tużax din il-lingwa, imma taf taqra u tikteb, il-mistoqsijiet jistgħu jsirulek bil-miktub u inti twieġeb bil-miktub, u r-reġistratur tal-Qorti mbagħad jaqra t-tweġibiet tiegħek b’leħen li jinstema’ pubblikament. Jekk ma tafx tikteb u taqra, il-Qorti tappunta interpretu li jkun familjari miegħek u li jista’ jifhmek.