Żid il-Lingwa
tas-Sinjali
Aċċessibilità
Il-Fondazzjoni għall-Aċċessibilità tat-Teknoloġija tal-Informatika (FITA) tista’ toffrilek dan is-sapport. Tista’ tipprovdilek wieħed jew aktar minn dawn is-servizzi:
- assessjar tal-bżonnijiet tiegħek ikkawżati mid-diżabilità;
- pariri dwar soluzzjonijiet possibbli;
- sapport biex tagħżel l-apparat (tagħmir jew software) li għandek bżonn tixtri;
- fejn ikun possibbli, toffrilek il-possibilità li tipprova l-apparat; u
- toffrilek taħriġ fl-użu tiegħu.
Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn:
Fondazzjoni għall-Aċċessibilità tat-Teknoloġija tal-Informatika
Gattard House, Triq Nazzjonali, Blata l-Bajda
Email: info@fitamalta.eu
Website: https://fitamalta.eu
Facebook: https://www.facebook.com/fitamalta.eu
Jekk int student, servizzi simili jiġu offruti mill-Unità għall-Aċċess għall-Komunikazzjoni u t-Teknoloġija (ACTU) tad-Direttorat tal-Edukazzjoni. Jekk student ikun qed jiltaqa’ ma’ xi diffikultajiet biex jaċċessa l-kompjuter jew il-mobile jew it-tablet jew xi tagħmir ieħor, kemm fid-dar kif ukoll fl-iskola, it-terapista okkupazzjonali u t-terapista fid-diskors u l-lingwa minn ACTU, wara l-assessjar li jkunu għamlu, jistgħu:
- jassessjaw il-bżonnijiet tal-istudent fl-AAC (Augmentative and Alternative Communication). Dan jinkludi AAC li tkun unaided jew li tkun aided;
- jassessjaw il-modi ta’ aċċess biex jiġi operat l-AAC. Pereżempju, l-użu ta’ swiċċ, keyboard fuq l-iskrin, mouse li jitħaddem bir-ras jew bil-ħarsa tal-għajnejn;
- jassessjaw jekk hemmx xi metodu alternattiv għar-rekordjar, bħal użu ta’ mouse u keyboard alternattivi;
- jassessjaw hemmx il-bżonn ta’ software speċjalizzat bħal curricular support, text-to-speech u sistemi ta’ voice recognition.
- jassessjaw is-sistemi ta’ kontroll ambjentali (Environmental Control Systems) li jkun hemm, bħal meta wieħed juża apparat bir-remote control, jitfi u jixgħel id-dawl, sistemi personali ta’ allarm, eċċ.
Skont l-assessjar li jkun sar, it-terapista jikkordina ma’ professjonisti oħra li jkunu qed jaħdmu mal-persuna b’diżabilità, jassistu u jiggwidaw lill-persuna jew mal-ġenituri fir-rakkomandazzjonijiet u jgħinuhom fl-implimentazzjoni, bħal:
- żvilupp ta’ riżorsi b’teknoloġija baxxa;
- customisation tal-apparat;
- sapport fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, kemm fid-dar kif ukoll fl-iskola;
- taħriġ għall-ġenituri u taħriġ professjonali.
Aktar informazzjoni:
Servizzi Nazzjonali ta’ Sapport għall-Iskejjel
Triq Fra Gaetano Pace Forno, il-Ħamrun
Tel: 25983494
Email: studentservices.mede@gov.mt
Jekk għandek bżonn sapport finanzjarju biex tixtri tagħmir li jissapportjak fl-użu ta’ apparat teknoloġiku, tista’ titlob l-għajnuna tal-Aġenżija SAPPORT rigward l-iskemi rilevanti. Peress li dan is-sapport finanzjarju ħafna drabi huwa wieħed parzjali, tista’ tagħmel talba lill-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCF) biex jissapportjawk ukoll.
Aktar informazzjoni:
Aġenzija Sapport
Triq Patri Ġwann Azzopardi, Santa Venera
Tel: 22568000
Email: sapport@gov.mt
Website: https://sapport.gov.mt/en/Contact-Us/Pages/Contact-Details.aspx
Uffiċċju għal Għawdex
Learning Hub, Triq l-Imġarr, Għajnsielem
Tel: 21569909.
The Malta Community Chest Fund Foundation
Il-Palazz, il-Belt Valletta
Tel: 21226226
Email: mccf@gov.mt
Tista’ tikkuntattja lill-FITA biex tkellem lill-entità responsabbli minn dak is-sit elettroniku. Jekk l-entità ma tikkoperax, tista’ tressaq ilment quddiem il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità biex tinvestiga u, jekk ikun hemm bżonn u bħala l-aħħar pass, tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti.
Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn:
Fondazzjoni għall-Aċċessibilità tat-Teknoloġija tal-Informatika
Gattard House, Triq Nazzjonali, Blata l-Bajda
Email: info@fitamalta.eu
Website: https://fitamalta.eu
Facebook: https://www.facebook.com/fitamalta.eu
Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità
G5 Office, Triq Psaila, Birkirkara
Tel: 22267600, SMS biss: 79788555
Uffiċċju għal Għawdex
Skola Primarja ta’ Ta’ Sannat, Triq Ta’ Sannat, Ta’ Sannat
Tel: 21556002
Email: helpdesk@crpd.org.mt
Website: https://crpd.org.mt
Il-Fondazzjoni għall-Aċċessibilità tat-Teknoloġija tal-Informatika għandha l-għan li tiżgura li l-użu ta’ kompjuters u apparat teknoloġiku ieħor ikun aċċessibbli għal persuni b’diżabilità. Tgħinhom jagħżlu, jakkwistaw u jużaw dan l-apparat. Tassisti wkoll lill-provvedituri ta’ servizzi f’dan il-qasam biex jitneħħew l-ostakoli li jfixklu persuni b’diżabilità milli jużaw din it-teknoloġija b’mod sħiħ. Servizzi offruti kontinwament minn FITA huma:
ICT Accessibility Certification
FITA toffri pariri u informazzjoni lill-provvedituri ta’ servizzi biex ikun żgurat li l-politiki, is-servizzi online u s-siti elettroniċi jkunu aċċessibbli għal persuni b’diżabilità. FITA tistħarreġ, tassessja u tiċċertifika siti elettroniċi skont standards internazzjonali biex dawn ikunu aċċessibbli għal persuni b’diżabilità. Dan isir jew online, permezz ta’ għodda pprovduti minn FITA għall-awtoassessjar, jew minn tim ta’ esperti, inkluż persuni b’diżabilità.
Servizz ta’ Helpdesk
FITA toffri lil persuni b’diżabilità sapport relatat ma’ servizzi tal-Gvern mogħtija b’mod elettroniku u mal-użu ta’ kompjuters u apparat teknoloġiku ieħor, inkluż dawk użati biss minn persuni b’diżabilità. Dan isir permezz ta’ helpdesk u l-grupp online ta’ FITA li jxerred u jarkivja informazzjoni relatata ma’ dan il-qasam.
Servizz ta’ Braille Embossing
FITA tipproduċi stampar tattili u bil-Braille għal individwi u organizzazzjonijiet. Dan ifisser li test b’viżwali li persuni neqsin mid-dawl jistgħu jħossuhom kollha, jkun jista’ jiġi stampat fuq l-istess paġna, bil-viżwali mbuzzati u t-test bil-Braille.
Sessjonijiet ta’ Taħriġ dwar l-Aċċessibilità
FITA torganizza sessjonijiet ta’ informazzjoni maħsuba għal maniġers responsabbli mill-webpages dwar il-prinċipji li hemm wara l-aċċessibilità għall-ICT, biex hekk ikun żgurat servizz online utilizzabbli.
Korsijiet ta’ Taħriġ fl-ICT
FITA toffri tliet tipi ta’ taħriġ:
- taħriġ dwar ICT one-to-one lil persuni b’ nuqqas fil-vista li jistgħu jkopru l-livelli kollha, mill-użu bażiku tal-kompjuter sa ECDL u oqsma speċjalizzati;
- flimkien ma’ entitajiet governattivi u privati, toffri taħriġ fl-ICT f’livelli differenti lil persuni b’diżabilità intellettwali jew fil-komunikazzjoni. Dawn il-korsijiet huma endorsjati mill-ECDL u fil-livell tal-Qafas Malti tal-Kwalifiki;
- servizzi one-to-one ta’ mentoring għal voluntiera li jissapportjaw persuni b’diżabilità fil-bżonnijiet tagħhom dwar l-ICT.
Konsulenza u Taħriġ Assistivi dwar l-ICT
Din il-konsulenza hija indirizzata lejn individwi kif ukoll entitajiet kummerċjali li jkollhom bżonn jużaw l-ICT biex jipprovdu servizzi aċċessibbli għall-klijenti kollha tagħhom, inkluż persuni b’diżabilità, jew biex jissapportjaw xi membru mill-impjegati tagħhom li jkun persuna b’diżabilità.
Żvilupp ta’ Software Aċċessibbli
FITA, bis-sapport tal-MITA u entitajiet governattivi u privati oħra, żviluppat sett ta’ għodod tal-ICT edukattivi bbażati fuq il-lingwa Maltija.
Pool Assistiv dwar l-ICT
FITA għandha numru ta’ għodod li jistgħu jintużaw waqt taħriġ u tagħlim dwar il-kompjuter. Persuni b’diżabilità jew organizzazzjonijiet ta’ taħriġ jistgħu jissellfu dan it-tagħmir għal perijodu massimu ta’ tliet xhur biex individwi b’diżabilità jkunu jistgħu jibbenefikaw b’mod sħiħ minn opportunitajiet edukattivi u ta’ taħriġ jew jippruvaw dan it-tagħmir ħalli jaraw jixtruhx jew le.
Pariri
Flimkien ma’ NGO għal persuni neqsin mid-dawl, FITA għandha numru ta’ tagħmir li jgħin persuni b’diffikultajiet tal-vista biex jgħixu ħajja aktar indipendenti u toffrih b’self lil persuni neqsin mid-dawl biex jippruvawh qabel jixtruh.
Inizjattivi ma’ kumpaniji privati
Minn żmien għal ieħor, FITA tidħol fi ftehim ma’ kumpaniji privati, bħal Melita, Microsoft u Vodafone biex toffri s-servizzi tagħhom lil persuni b’diżabilità bi prezzijiet vantaġġużi.
Numru ta’ servizzi offruti mill-FITA jingħataw bi ħlas. Biex tara r-rati ta’ ħlasijiet għal dawn is-servizzi ara hawnhekk: https://docs.google.com/spreadsheets/d/1u45fkfpfYAoeMqH2LTwR3aUkHOyY-JSrV7kB_5qBlCI/edit#gid=0
Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn:
Fondazzjoni għall-Aċċessibilità tat-Teknoloġija tal-Informatika
Gattard House, Triq Nazzjonali, Blata l-Bajda
Email: info@fitamalta.eu
Website: https://fitamalta.eu
Facebook: https://www.facebook.com/fitamalta.eu
Ix-xogħol kbir u żgħir li jsir biex tinħoloq aktar aċċessibilita’ għal persuni b’diżabilita’ xi kultant ma jgħatawx l-importanza li tistħoqqilhom jew ma jkunux promossi biżżejjed. Tul ħajjitna, kulħadd jiġi bżonn servizzi aċċessibli, jek mhux għalina nfusna, għall-ħbieb jew nies li jiġu minna. Spiss ma nkunux nafu fejn ser niksbu dan it-tagħrif. I-Foundation for Information Technology Accessibility (FITA) u l-Vodafone Foundation Malta ħadmu flimkien biex ineħħu dan in-nuqqas permezz ta’ SPOT.
Is-sit eletroniku ta’ SPOT.org.mt jagħti firxa ta’ postijiet f’Malta w Għawdex li tista’ tirrejtja fuq skond l-aċċessibilita’ għal persuni b’diżabilitajiet differenti. SPOT ma jimmarkax post bħala sempliċement aċċessibli jew mhux, għax n-natura w livelll ta’ aċċessibilita’ meħtieġa tvarja minn persuna għal persuna. Ma jagħmilx differenza jekk intix tħalli reviżjoni dwar parking area, super market, restorant hew park. L-għan jibqa’ li taqsam ma ħaddieħor l-esperjenza tiegħek dwar kwalita’ tas-servizz u livell ta’ aċċessibilita’. Lanqas ma hu importanti jekk għandekx diżabilita’ jew le. Sakemm tixtieq tgħin u tagħti l-opinjoni tiegħek, il-lista ta’ mistoqsijiet dwar diżabilita’ ser imexxuk.
Żur SPOT.org.mt issa biex issir taf aktar dwar l-aċċessibilita’ ta’ postijiet differenti, jew taqsam informazzjoni dwar postijiet li taf bihom inti.
Aktar informazzjoni dwar kif tuża’ SPOT issibuha fuq https://spot.org.mt/FAQ